L-ewwel ftehim kollettiv għal madwar 110 ħaddiem amministrattiv tal-ITS f’sitta u għoxrin sena

Fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-ftehim kollettiv mal-General Workers’ Union (GWU) għall-istaff amministrattiv tal-Istitut ta’ Studji Turistici (ITS), il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis stqarr li dan huwa pass importanti għall-ħaddiema fi ħdan l-ITS li trawwem l-istudenti turistiċi għal futur fi ħdan l-industrija tat-turiżmu.


Dan il-ftehim se jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2017 b’terminu ta’ ħames snin, fejn se jtejjeb sostanzjalment il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema amministrattivi tal-ITS, saħaq il-Ministru għat-Turizmu Edward Zammit Lewis. Huwa fakkar li dan huwa l-ewwel ftehim kollettiv f’dawn l-aħħar sitta u għoxrin sena, fejn l-ITS ikkonkludiet b’suċċess matul din l-amministrazzjoni.


Fl-għeluq tal-intervent tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis irringrazzja lil board tad-diretturi, il-management, u l-ħaddiema kollha tal-ITS għax-xogħol siewi u professjonali tagħhom, kif ukoll lid-diriġenti tal-GWU għal kollaborazzjoni tagħhom għal qbil fuq dan il-ftehim kollettiv għal ħaddiema amministrativi tal-ITS.


Apparti minn żieda fil-pagi, il-ħaddiema amministrattivi se jibbenefikaw minn diversi benefiċċji fejn ser tkun qed tiġi rregolarizzata l-pożizzjoni tagħhom, kif ukoll se jibbenifikaw minn stabbilità fuq il-post tax-xogħol. Il-ħaddiema amministrattivi ser jiġu wkoll koperti minn assigurazzjoni tas-saħħa. B’tibdiliet fil-ħinijiet tax-xogħol, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi, ser ikun iktar effiċjenti speċjalment b’korsijiet ġodda inkluż d-degrees.


Il-Kap Eżekuttiv s-Sur Pierre Fenech qal li dan il-ftehim kollettiv kien iffirmat b’sodisfazzjon wara sentejn ta’ diskussjonijiet mal-GWU. Huwa fisser kif dan huwa l-ewwel ftehim kollettiv f’sitta u għoxrin sena mill-ftuħ tal-ITS, li permezz tiegħu l-istaff amministrattiv ser ikun regolarizzat. Huwa qal li, “aħna nemmnu li l-istaff huma l-ikbar asset tagħna u li b’dan il-ftehim kollettiv dawn se jkunu aktar motivati sabiex jaħdmu lejn l-għanijiet ambizzjużi tal-Istitut.” Is-Segretarju tal-GWU tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Jeremy Camilleri tenna li l-GWU hija kburija bil-ħidma li twettqet tul dawn is-sentejn ta’ diskussjonijiet għaliex għall-ewwel darba l-ħaddiema se jkunu qed jaħdmu fi struttura li tatiehom dinjità u għarfien għall-ħidma tagħhom. “Meta sitt snin ilu l-GWU kisbet ir-rikonoxximent ewlieni tal-ħaddiema mhux akkademiċi sabet ma’ wiċċha nuqqasijiet kbar f’dik li hija organizzazzjoni u struttura, bil-ħaddiema ma jkunux jafu jekk humiex parti mill-entità jew le. Fil-fatt għal snin dawn il-ħaddiema kien min għalihom li huma ħaddiema taċ-ċivil meta fir-realtà ma kienux. B’sodisfazzjon dawn is-sentejn ta’ diskussjoni servew biex din is-sitwazzjoni tkun ċċaratha, il-konfużjoni ġiet eliminata u llum il-ħaddiema għandhom ftehim kollettiv li barra li qed jagħti struttura ċara qed itejjeb il-kundizzjonijiet ġenerali tal-impjieg tagħhom.”

 

27.05.2017

ITS - Malta (Main Campus)  
Bajja San Gorg  
San Giljan STJ 3300  
Malta - EU 

ITS - Gozo
Triq l-Isqof Buttigieg,
Qala QLA 1042, 
Gozo

JoomShaper